L-aħbarijiet ewlenin ta' żmienna I
Ingħaqad magħna f’mawra multilingwi permezz tal-ispazju l-ġdid tas-6 sular tal-wirja permanenti tagħna – bit-titlu ‘Europe Now’. Esplora l-ħafna sfidi li qed tiffaċċja l-Ewropa llum – it-tibdil fil-klima, il-wirt kolonjali tagħha, il-Brexit u l-pandemija tal-Covid, biex insemmu biss ftit.
Dan il-filmat inħoloq fid-9 ta’ Mejju – Jum l-Ewropa – għall-ftuħ ta’ Europe Now fis-6 sular tad-Dar tal-Istorja Ewropea.
Il-Premju Nobel għall-Paċi
Fl-2012, l-Unjoni Ewropea ingħatat il-Premju Nobel għall-Paċi. Il-Kumitat tal-Premju Nobel irrikonoxxa l-kisbiet li għamlet l-UE fil-promozzjoni tar-rikonċiljazzjoni u l-paċi, id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-benessri soċjali.
Madankollu, f'dawn l-aħħar snin, l-Unjoni Ewropea għaddiet minn sensiela ta' kriżijiet li poġġewha taħt pressjoni konsiderevoli.
Kwistjonijiet ekonomiċi u monetarji, il-kriżi tal-migrazzjoni, it-terroriżmu, il-Brexit u avvenimenti drammatiċi oħra ta' żmienna juru kemm huma fraġli u konfliġġenti r-realtajiet attwali.
Midalja tal-Premju Nobel għall-Paċi, Oslo, in-Norveġja, 2012, Replika
Dar l-Istorja Ewropea, Brussell, il-Belġju
It-tibdil fil-klima
It-tibdil fil-klima huwa waħda mill-akbar sfidi ta' żminijietna; theddida propju għall-ġejjieni ta' ħajjitna fid-dinja. It-tisħin globali magħmul mill-bniedem, ikkawżat mill-emissjonijiet eċċessivi ta' CO2 u t-tniġġis industrijali, qed jeqred ekosistemi sħaħ u qed jagħmel l-istil ta' ħajja tagħna insostenibbli.
"Fridays for Future", inizjattiva mnedija mill-attivista żagħżugħa Żvediża Greta Thunberg, qabdet sew fid-dinja kollha, u l-istudenti qed jitolbu bidla ekoloġika radikali.
Għaż-żgħażagħ ta' 15-il sena tal-lum, it-tibdil fil-klima huwa theddida tanġibbli għall-prospetti futuri tagħhom.
Kowt ta' dimostrant magħmul mill-bżieżaq mir-Renju Unit misjub fuq il-kosta Belġjana
Brussell, il-Belġju, 2019
Dar l-Istorja Ewropea, Brussell, il-Belġju
Il-Brexit
Għall-ewwel darba fl-istorja, Stat Membru ddeċieda li jitlaq mill-UE.
Wara r-riżultat ta' referendum diviżiv, ir-Renju Unit skatta l-Artikolu 50 tat-Trattat ta' Lisbona, li ta bidu għall-ħruġ tiegħu mill-UE fil-31 ta' Jannar 2020 wara 47 sena ta' sħubija.
Simbolu ta' dan il-mument storiku kien il-waqt meta l-bandiera tar-Renju Unit tneħħiet minn barra l-Kumitat tar-Reġjuni fi Brussell u żdiedet mal-kollezzjoni ta' Dar l-Istorja Ewropea.
Il-Union Jack imneħħija mill-binja Jacques Delors, Kumitat tar-Reġjuni
Brussell, il-Belġju, 2019-2020
Dar l-Istorja Ewropea, Brussell, il-Belġju
L-Unjoni Ewropea fl-ispazju
Ir-rokit Ariane sar wieħed mis-simboli tal-kooperazzjoni Ewropea fl-ispazju. Matul il-Gwerra Bierda, il-Komunità Ekonomika Ewropea bdiet twettaq ir-riċerka tagħha stess b’reazzjoni għat-tellieqa spazjali bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Sovjetika.
L-Ariane 1 ittella’ għall-ewwel darba fil-Guyana Franċiża fl-24 ta’ Diċembru 1979, u dan ta lill-Ewropa l-kapaċità li tiżviluppa l-proġetti spazjali kummerċjali u xjentifiċi tagħha stess. Bejn l-1996 u l-2023, l-Ariane 5 illanċja satelliti għall-komunikazzjonijiet, l-osservazzjoni tad-Dinja u r-riċerka xjentifika, inklużi missjonijiet konnessi mas-sistema ta’ pożizzjonament Galileo. Is-suċċessur tiegħu, Ariane 6, tar għall-ewwel darba fid-9 ta’ Lulju 2024.
Mudell tar-rokit leġġendarju Ariane 5
Varat 117-il darba bejn l-1996 u l-2023; mudell mibni c.2016
Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għall-Industrija tad-Difiża u l-Ispazju, Brussell, il-Belġju.
L-aħbarijiet ewlenin ta' żmienna ii
Il-gwerer
Il-Gwerra tal-Kosovo, li ntemmet fl-1999, kienet l-aħħar kunflitt armat tal-aktar seklu vjolenti fl-istorja tal-Ewropa. Madankollu, it-tama li atroċitajiet bħal dawn qatt ma jerġgħu jsiru ma twettqitx. Xi ex-repubbliki Sovjetiċi sfaw vittmi tal-aspirazzjonijiet ġeopolitiċi tal-ġara tagħhom, ir-Russja. It-tensjonijiet armati reġjonali u l-"kunflitti ffriżati" huma parti mir-realtà attwali tal-Ewropa. Il-popolazzjoni ċivili fil-Georgia u l-Ukrajna esperjenzat azzjonijiet militari u atroċitajiet. L-Ewropej f'dawn il-pajjiżi għaddew minn trawmi li affettwawlhom ħajithom kollha u ħafna tilfu ħajjithom jew djarhom.
Żoni li m'għadhomx fuq quddiem nett tal-kunflitt għadhom perikolużi minħabba mini moħbija fl-art u munizzjon mhux splodut.
Sinjal ta' twissija dwar il-preżenza ta' mini f'villaġġ , Ir-reġjun ta' Lugansk, l-Ukrajna tal-Lvant, 2017-2020
Dar l-Istorja Ewropea, Brussell, il-Belġju
Solidarjetà mar-refuġjati
Minn Frar 2022 l-armata Ukrena qed tiddefendi lill-pajjiż kontra invażjoni illegali Russa, b’appoġġ militari min-NATO u l-Unjoni Ewropea. Il-gwerra tikkawża tbatija u qerda inkonċepibbli u tħalli għexieren ta’ eluf ta’ suldati, iżda wkoll ċivili, mejta jew midruba. Miljuni ta’ nies, l-aktar nisa u tfal, ħarbu mill-Ukrajna u sabu kenn fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. L-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna ħolqot rabta qawwija bejn l-istati membri tal-UE u tat bidu għal mewġa ta’ solidarjetà madwar il-kontinent. Is-soċjetà ċivika u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi kienu qed jgħinu lir-refuġjati jirkupraw mill-kruhat tal-gwerra.
T-shirt li tgħid ‘Jien hawn biex ngħinek’ milbusa minn voluntiera li jilqgħu lir-refuġjati Ukraini fil-fruntiera tar-Rumanija
Dan Perjovschi (imwieled fl-1961)
Assoċjazzjoni Seneca (SNK)
Bukarest, ir-Rumanija, 2022
Il-pandemija
Il-pandemija tal-COVID-19 kixfet il-vulnerabbiltà tal-umanità u kienet mument ta' prova għas-solidarjetà Ewropea.
Fil-bidu tal-pandemija, il-pajjiżi Ewropej irreaġixxew individwalment billi għalqu l-fruntieri, illimitaw il-libertà tal-ivvjaġġar u naqqsu l-libertajiet ċivili. Il-kritiċi jibżgħu li, fit-tul, il-libertajiet fundamentali jistgħu jiġu ristretti.
Iżda qalb dik l-avversità kollha, tfaċċat mewġa ta' solidarjetà fost iċ-ċittadini ordinarji. Sadattant, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE ngħaqdu u qablu fuq programm ta' rkupru bla preċedent imfassal b'tali mod li jingħata appoġġ lill-aktar soċjetajiet u ekonomiji li ntlaqtu mill-pandemija.
"Maskra bil-forma ta' id" - Anna Vasof (imwielda fl-1985)
Vjenna, l-Awstrija, Marzu 2020
Ċeramika u ħoloq tal-lastku
Dar l-Istorja Ewropea, Brussell, il-Belġju
Ir-rivoluzzjoni diġitali
It-teknoloġiji l-ġodda qed ibiddlu radikalment il-mod kif ngħixu, nikkomunikaw u ninteraġixxu ma' xulxin. Id-dinja qed issir aktar interkonnessa, u qed toffri ħafna opportunitajiet iżda qiegħda wkoll toħloq riskji ġodda.
Id-data saret titqies bħala "ż-żejt il-ġdid" u, b'hekk, il-privatezza diġitali saret waħda mill-akbar sfidi ta' żminijietna. Il-ġbir ta' informazzjoni dwar l-imġiba, il-ħsibijiet u x-xewqat tagħna jippermetti lill-kumpaniji jinfluwenzawna u jimmanipulawlna ħajjitna u l-għażliet li nagħmlu. Għodod ta' komunikazzjoni ġodda issa wittew it-triq għal sorveljanza estensiva u għat-tixrid rapidu tad-diżinformazzjoni.
Mingħajr ma lanqas biss nindunaw, il-proċess demokratiku ta' soċjetajiet sħaħ jista' jiddgħajjef u ċ-ċittadini jistgħu jitilfu l-libertà tal-għażla.
‘Pixelhead’ użat bħala maskra kontra s-sorveljanza
Martin Backes (imwieled fl-1977), il-Ġermanja, 2010
Dar tal-Istorja Ewropea, Brussell, il-Belġju
It-terroriżmu
It-terroriżmu huwa theddida għas-sigurtà u l-ordni demokratiku tal-Ewropa u sar parti minn fenomenu globali fis-soċjetà tal-lum. L-attakki terroristiċi Iżlamiċi jew tal-lemin estrem madwar l-Ewropa huma espressjoni vjolenti ta' ideat li jikkuntrastaw b'mod qawwi mal-valuri tad-diversità u l-pluraliżmu.
Ideoloġiji estremi spiss isibu l-ispirazzjoni tagħhom f'ideoloġiji li jħarsu lejn il-passat jew fil-fundamentaliżmu reliġjuż.
Fid-dawl ta' tali mibegħda u vjolenza, iċ-ċittadini rreaġixxew malajr bis-solidarjetà u b'appelli għal aċċettazzjoni reċiproka u paċi.
Messaġġ ta' solidarjetà wara l-attakki terroristiċi tal-lemin estrem, Oslo u Utøya, in-Norveġja, Lulju 2011
© Riksarkivet, Oslo, in-Norveġja
Tabella tal-kartun b'messaġġ ta' solidarjetà li tħalla wara l-attakki terroristiċi f'Madrid, 2004 Museo del Ferrocarril de Madrid
Nintraċċa l-Ewropa tiegħi
Nintraċċa l-Ewropa tiegħi
X'jgħaqqad flimkien lill-popli tal-Ewropa? In-natura tad-diversità tal-Ewropa tirriżulta fil-biċċa l-kbira minn inkontri transfruntiera u skambji kulturali.
Immappja l-konnessjonijiet tiegħek ma' postijiet fl-Ewropa u lil hinn minnha bħala parti minn dan l-esperiment kollaborattiv ta' mmappjar.
Nintraċċa l-Ewropa tiegħi
© Dar l-Istorja Ewropea, Brussell, il-Belġju
Il-vortiċi tal-istorja
Gwidi awdjo
Il-vortiċi tal-istorja
Din l-iskultura li tiddomina t-taraġ ċentrali tal-mużew tikkonsisti f'27 kwotazzjoni storika li jirrappreżentaw it-tibdil kontinwu fl-interpretazzjoni tal-istorja Ewropea.
Is-sit tal-kostruzzjoni Eastman – Ir-rinnovazzjoni tal-bini għal Dar l-Istorja Ewropea
© l-Unjoni Ewropea – Dar l-Istorja Ewropea 2016 / Benoît Bourgeois
Il-vortiċi tal-istorja
Erġa' arahom kollha fil-verżjoni elettronika u vvota għall-kwotazzjoni li togħġbok l-aktar.
Il-vortiċi tal-istorja © Dar l-Istorja Ewropea, Brussell, il-Belġju
L-Ewropa mill-ajru
Pajsaġġi Ewropej
Meta tarahom mill-għoli, il-meded tal-art Ewropej jiżvelaw elementi tal-istorja minn perspettiva ġdida. Il-pajsaġġi tal-Ewropa huma primarjament kulturali u fihom il-marki ta' attività tal-bniedem għat-tajjeb u għall-ħażin. L-istorja wasslet għal varjetà notevoli, li turi xebh u differenzi sorprendenti.
Pajsaġġi Ewropej © Dar l-Istorja Ewropea, Brussell, il-Belġju
Veduti fuq l-Ewropa
Veduti fuq l-Ewropa
Esplora bliet Ewropej tal-passat u l-preżent permezz ta' webcams u opri tal-arti. Oħloq iż-żjara virtwali immersiva tiegħek u pprojettaha fuq il-ħitan permezz ta' wieħed mit-tliet apparati.
Veduti fuq l-Ewropa
© Dar l-Istorja Ewropea, Brussell, il-Belġju
My House of European History
My House of European History huwa proġett kollaborattiv uniku li jinkorpora testimonjanzi personali dwar l-Ewropa. L-istejjer huma mqassmin f'perjodi ta' żmien, u kull waħda għandha l-lokalizzazzjoni ġeografika tagħha. Biex tiskopri dawn l-istejjer tista' tuża l-mappa interattiva. Tista' wkoll tirreġistra biex tikkontribwixxi l-memorja Ewropea tiegħek u taqsamha ma' ħaddieħor.
My House of European History
© Dar l-Istorja Ewropea, Brussell, il-Belġju