Ta’ Iosif Király, artist viżiv, arkitett, u edukatur, Bukarest, ir-Rumanija
Skont il-proponenti tagħha l-Arti Postali hija l-aktar forma ta’ arti demokratika peress li hija bbażata — skont uħud minnhom — fuq l-aktar istituzzjoni demokratika: is-servizz postali. Jekk nikkunsidraw prinċipju sempliċi li kull min għandu aċċess għas-servizz postali jista’ jsir artist postali, l-azzjonijiet kollha mibdija fi ħdan in-network isegwu ċerti regoli li ma jistgħux jinkisru: ma hemm l-ebda ċensura, ix-xogħlijiet kollha sottomessi jiġu esibiti u x-xogħlijiet mibgħuta ma jistgħux jiġu rritornati. Madankollu, kull parteċipant jirċievi pubblikazzjoni waħda jew lista tal-persuni kollha involuti (ismijiet u indirizzi) minn fejn ikun jista’ jagħżel kollaboraturi ġodda jew jiġbed l-attenzjoni ta’ oħrajn li jixtiequ jikkuntattjawh għal proġetti futuri. Barra minn hekk, ix-xogħlijiet jew l-arkivji tal-arti postali ma jinħolqux għal użu kummerċjali.
Filwaqt li fid-dinja tal-arti kontemporanja oġġett tal-arti jeħtieġ li jiġi vvalidat minn kritiċi, kuraturi, galleristi, u kolletturi qabel ma jgħaddi mit-test tal-ħin, fid-dinja tal-arti tal-posta l-oġġett tal-arti jirċievi validazzjoni biss minn ħaddiema tas-servizz postali. Hija sfida Duchampjana li ġiet “mitfugħa” lid-dinja mill-artist Fluxus Ray Johnson u mill-Iskola tal-Korrispondenza ta’ New York tiegħu.
In-network beda jikkristallizza sa mis-snin 1960 u laħaq il-quċċata tiegħu fis-snin 1980. Kien ukoll f’dak iż-żmien meta ftit artisti Rumeni, li fil-parti l-kbira tagħhom kienu jappartjenu għall-ġenerazzjoni tiegħi, bdew jipprattikaw f’dan in-network. Il- “filosofija” tal-arti postali kienet iffukata fuq il-komunikazzjoni, l-iskambju liberu ta’ ideat artistiċi, il-qsim tal-fruntieri kulturali, il-libertà, u l-isfidar tat-tabù soċjali. Fi ftit kliem, dak kollu li l-aktar kien ibeżża’ r-reġim Komunista fir-Rumanija (u r-reġimi totalitarji b’mod ġenerali).
Kien għalhekk li l-attività tal-parteċipanti fin-network tal-arti postali spiċċat taħt sorveljanza u ċensura. Lejn l-aħħar tas-snin 1980, kien kważi diġà maħtuf. Qatt ma kont ċert jekk il-messaġġi tiegħi kinux se jaslu fid-destinazzjoni tagħhom jew jekk il-messaġġi kollha mibgħuta lili fil-fatt waslulix.
Illum, meta naħseb fis-snin 80, ma nagħmlux bi pjaċir, iżda l-avventura tal-arti tal-posta hija avveniment storiku li jidher dejjem aktar sod għalija u li, għalkemm qed jitbiegħed maż-żmien, inħossni eqreb u eqreb.
Kreditu tal-immaġni tal-ittri: Mail-art ta’ Radu Igaszag, (b. 1953), ir-Rumanija