Din hija l-awtobijografija ta’ Hans-Gert Pöttering, l-eks President tal-Parlament Ewropew, u inizjatur tal-proġett Dar l-Istorja Ewropea, ippubblikat għall-ewwel darba bl-Ingliż. Hija kemm ġrajja personali kif ukoll narrattiva tal-vjaġġ tal-Ewropa lil hinn mill-kaos u l-mibegħda tat-Tieni Gwerra Dinjija u d-diviżjoni ta’ wara l-gwerra bejn il-Lvant u l-Punent.
Formati u lingwi disponibbli
Hans-Gert Pöttering kien membru Demokratiku Kristjan Ġermaniż tal-Parlament Ewropew mill-1979–2014, li mexxa l-grupp tal-PPE-DE taċ-ċentru tal-lemin mill-1999–2007 u serva bħala president tal-Parlament fl-2007–2009. L-awtur qatt ma ltaqa’ ma’ missieru, li nqatel fl-aħħar stadji tat-Tieni Gwerra Dinjija u, kif jikteb huwa stess, “kienet il-mewt ta’ missieri li mmotivat il-ħajja Ewropea tiegħi”. L-akbar influwenza politika fis-snin formattivi tiegħu ġiet minn Konrad Adenauer, l-ewwel kanċillier tar-Repubblika Federali l-ġdida tal-Ġermanja u wieħed mill- “missirijiet fundaturi” ta’ dik li issa hija l-Unjoni Ewropea: “dan il-kunċett ġdid għall-futur tal-Ewropa affaxxinani kmieni f’ħajti”. Bħala mexxej b’popolarità u determinazzjoni qawwija fil-Parlament Ewropew, l-awtur huwa difensur qawwi tal-istituzzjonijiet maħluqa biex jagħtu l-ħajja lill- “metodu Komunitarju” għaliex, kif jikteb, filwaqt li jikkwota lil Jean Monnet, “xejn mhu possibbli mingħajr il-bnedmin, iżda xejn mhu dejjiemi mingħajr l-istituzzjonijiet”. F’dan il-punt ta’ periklu ta’ frammentazzjoni Ewropea, United for the Better jirrappreżenta tfakkira f’waqtha ta’ dak kollu li nkiseb u l-perikli li jiġu jekk ninsew l-istorja komuni tagħna. It-titlu tal-ktieb ġej mill-kliem tad-Dikjarazzjoni ta’ Berlin tal-25 ta’ Marzu 2007: “Aħna, iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea, ingħaqadna għall-aħjar”.