Mill-2021, Dar l-Istorja Ewropea bdiet proġett fil-mużew kollu li jesplora l-kwistjoni tal-iskart fl-Ewropa minn perspettiva storika u jenfasizza s-sinifikat tiegħu bħala indikatur tal-bidla soċjali. Flimkien mat-tħejjija ta’ wirja temporanja dwar dan is-suġġett, il-mużew ilaqqa’ flimkien disa’ mużewijiet Ewropej attivi fil-livelli lokali u nazzjonali fl-oqsma tal-istorja naturali, l-etnoloġija, l-arti u l-arkeoloġija. Flimkien jesploraw kif il-kollezzjonijiet, il-programmi u l-prattiki tagħhom jistgħu jsiru inċentivi għalihom biex jiddiskutu l-iskart b’mod li jinvolvi lill-udjenzi tagħhom.
Din is-sħubija Pan-Ewropea rriżultat fl-iżvilupp konġunt ta’ pjattaforma online imnedija fil-bidu tal-2023 flimkien mal-wirja temporanja ta’ Dar l-Istorja Ewropea fi Brussell. B’mod parallel, il-mużewijiet sħab jimplimentaw ukoll programm konġunt ta’ attivitajiet għal udjenzi online u fuq il-post madwar l-Ewropa.
Is-sħab jesploraw is-suġġett tal-iskart minn perspettiva transnazzjonali u transdixxiplinari skont it-temi u l-objettivi li ġejjin:
KOLLEZZJONIJIET: Ħolqien ta’ rabtiet bejn l-oġġetti madwar pajjiżi u dixxiplini dwar il-karatteristiċi u t-tifsiriet tal-iskart.
STEJJER: Enfasi fuq in-nies billi jiġu intervistati komunitajiet madwar l-Ewropa biex wieħed jifhem ir-relazzjoni tagħhom mal-iskart.
L-EKOSISTEMI: Kondiviżjoni ta’ tagħrif u aktar sensibilizzazzjoni dwar il-preżenza u l-impatt tal-iskart madwarna.
NETWORKS TA’ SKART: Rabta tat-tagħrif mal-prattiki dwar il-ġestjoni tal-iskart minn lingwi, reġjuni, dixxiplini u komunitajiet differenti.
IL-MUŻEW ATTIVIST: Titqiegħed is-sostenibbiltà fil-qalba tal-ħidma tal-mużewijiet, billi ssir kondiviżjoni tal-aħjar prattiki u skambju tar-riżorsi.
Sħab involuti