Fl-2012, Dar l-Istorja Ewropea bdiet azzjoni ta’ ġbir għal oġġetti relatati mal-Premju Nobel għall-Paċi u l-għoti tiegħu lill-Unjoni Ewropea.
L-oġġetti kienu maħsuba biex ikunu parti mill-kollezzjoni u l-wirja permanenti ta’ Dar l-Istorja Ewropea, biex jgħinu jirreġistraw dan l-avveniment importanti fl-istorja tal-UE u jipprovdu rekord pubbliku għaċ-ċittadini.
Żewġ kuraturi vvjaġġaw lejn Oslo mad-delegazzjoni uffiċjali tal-Parlament Ewropew u ġabru oġġetti mingħand il-parteċipanti. Fl-istess ħin, il-kuraturi kisbu għadd ta’ materjali ta’ protesta direttament fit-toroq fejn saru dimostrazzjonijiet favur l-UE u kontra l-UE. B’kollox, inġabru 98 oġġett u dokument, li saru parti mill-kollezzjoni ta’ Dar l-Istorja Ewropea.